Partit Nazzjonalista favur in-negozju b’enfażi fuq il-kwalità u l-istandards.

Bħala Gvern alternattiv, il-Partit Nazzjonalista se jkun favur in-negozju b’enfażi fuq il-kwalità u l-istandards. Għax kwalità tal-ħajja aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin kollha tiddependi fuq dawn il-prijoritajiet.

Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta mexxa delegazzjoni tal-Partit f’laqgħa man-National Building Council. Spjega li din il-laqgħa qed issir f’mument meta pajjiżna għandu bżonn direzzjoni fl-ippjanar, l-iżvilupp, it-trasport u l-infrastruttura.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit se jkun qed jaħdem biex dawn is-setturi, li tant huma pilastri importanti fl-ekonomija ta’ pajjiżna, ikomplu jissaħħu u ma jibqgħux jitqiesu biss bħala kontroversjali u problematiċi. Hu inutli li fil-pajjiż ikollok investituri li jagħmlu l-isforz kollu meħtieġ jekk ma jkunx hemm ukoll it-titjib u t-tisħiħ tal-infrastruttura.

Tenna li jieħu gost josserva lill-Kamra tal-Periti, li dejjem tkun minn ta’ quddiem nett biex b’mod proattiv tiġbed l-attenzjoni kif l-affarijiet jistgħu jsiru aħjar. Fakkar kif fl-aħħar jiem rajna l-proposta tal-Kamra tal-Periti dwar ix-Xatt tal-Imsida, filwaqt li spjega kif il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ dejjem b’widnejh miftuħin għal dak li jissuġerixxu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Perit ħaqqu jerġa’ jikseb ir-rispett tul il-proċess kollu u jkollu l-poter eżekuttiv biex jesprimi ruħu kif wieħed jistenna minn kariga professjonali. Għax ir-rwol tal-Perit m’għandux ikun mxekkel minn indħil politiku partiġġjan.

Hu faħħar ukoll il-ħidma li għamlet u għadha qed tagħmel l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi (MDA) tul is-snin, fosthom il-proposti li wasslu biex ġew implimentati miżuri li minnhom gawdew eluf, bħall-iskemi tal-first time buyers u inċentivi fuq dħul mill-kirjiet. L-MDA tat vuċi fuq livell nazzjonali lil din l-industrija tant importanti, filwaqt li qatt ma qagħdet lura milli tikkritika meta rat aġir tal-Gvern li ma taqbilx miegħu, kif għandha tibqa’ tagħmel.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla li, bħala Gvern alternattiv, il-Partit se jkun qed nikkonsulta u jibqa’ qrib ta’ dawn l-għaqdiet għax jemmen li huma jridu biss dak li hu sewwa u ġust. Fakkar fil-laqgħat ma’ stakeholders importanti f’dan is-settur, li wkoll jixtiequ li kemm l-operat u kemm l-ippjanar f’pajjiżna jsiru b’mod professjonali u tkun apprezzata dejjem aktar il-kwalità.

Il-Partit Nazzjonalista jrid jirriforma s-sistema tal-ippjanar f’pajjiżna u fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin se jħabbar il-vżjoni tiegħu, filwaqt li jinċentiva proġetti ta’ kwalità kif ukoll iħabbar inċentivi fiskali għal min jipprovdi proġetti b’element soċjali u ambjentali li jgħollu l-kwalità tal-ħajja.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna li min qed jinvesti għandu jkollu sistema governattiva trasparenti u ġusta u mhux snin ta’ dewmien u burokrazija żejda li, kif qalet l-Inkjesta wara l-mewt ta’ Jean Paul Sofia, twassal biss għall-korruzzjoni. Ir-rwol tal-politiku għandu jkun biss li joħloq ‘policy frameworks’ li jkunu ċari u li jkunu applikati għal kulħadd l-istess.

Matul il-laqgħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mix-Shadow Ministers Stanley Zammit, Toni Bezzina, Jerome Caruana Cilia u Graham Bencini.

May be an image of 9 people