L-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżvilupp (Malta Development Association) tħabbar ksur ta’ rekord ieħor

Din is-sena elfejn, erbgħa u għoxrin (2024) kienet sena li kisret għadd ta’ rekords fis-settur tal-proprjeta’. Ix-xahar t’ Ottubru kien eżempju ieħor fejn data fuq-konvenji kompliet turi biċ-ċar it-tkabbir ekonomiku li jġib miegħu dan is-settur. L-MDA tħabbar żieda ta’ għoxrin fil-mija (20%) fil-valur ta’ proprjietajiet fuq konvenju meta wieħed jiikkumpara x-xahar ta’ Ottubru ta’ din is-sena ma’ l-istess xahar tas-sena preċedenti bil-figuri jitilgħu minn Ewro 363,153,896 għal Ewro 415,295,353. Din il-figura hija l-ogħla li qatt ġiet irreġistrata għax-xahar t’Ottubru fl-istorja ta’ Malta. L-MDA tħabbar ukoll żieda ta’ numru ta’ konvenji b’rata ta’ madwar tnejn fil-mija (2%).

Dawn il-figuri jkomplu jikkonfermaw l-importanza tas-settur tal-proprjeta’ fl-ekonomija ta’ Malta. Dan is-settur huwa wieħed mill-pilastri fundamentali u b’hekk jeħtieġ illi nibżgħu għalih. Id-domanda fil-proprjeta qiegħda dejjem tiżdied u għaldaqstant, anke biex jinżamm dan l-investiment, huwa neċessarju illi jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tal-burokrazija li ma ġġib ebda valur miżjud u investimenti sussidjarji li jtejbu l-kwalita’ inkluż l-infrastruttura u bini aktar effiċjenti.

Dwar l-MDA:

l-MDA hija l-ogħla korp u vuċi għas-settur tal-Proprjeta’ f’Malta. L-MDA tiġbor il-maġġoranza tal-istakeholders flimkien sabiex tkun forza li ġġib tkabbir u żvilupp ta’ settur li hu tant importanti għal pajjiżna.

Sorsi:

L-informazzjoni hija bbażata minn data miġbura mill-MDA minn sorsi differenti u tinkludi kemm proprjetajiet residenzjali kif ukoll kummerċjali.