Budget b’miżuri soċjali mmirati lejn in-nies

L-MDA bi pjaċir tinnota illi l-budget ta’ din is-sena kien wieħed b’ruħ soċjali, fejn għal darb’oħra ma żdiedux taxxi u ġġeddew l-inċentivi li kienu fis-seħħ u li permezz tagħhom, fuq inizjattiva tal-MDA, il-gvern mhux biss kien daħħal aktar taxxa iżda l-poplu gawda għaliex setgħa jagħmel investiment f’saħħtu anka fi żmien diffiċli. Il-likwidita’ tikber meta ma jittieħdux miżuri ta’ awsterita’ u konsekwenza ta’ dan l-investiment jitkattar.

Il-gvern, f’dan il-budget, irrikonoxxa l-importanza tal-industrija tal-iżvilupp u l-kostruzzjoni billi reġgħa ġedded l-iskemi relatati max-xiri tal-propjeta’, fosthom tal-first u s-second time buyers, skemi li wkoll oriġinarjament kienu proposti tal-MDA f’leġizlatura preċedenti, liema skemi tant aġevolaw nies li xtaqu jsiru sidien ta’ djarhom filwaqt illi ħallew impatt pożittiv fuq l-ekonomija Maltija.

L-MDA ilha snin tisħaq illi għandhom jingħataw inċentivi sabiex l-investitur iħares lejn propjetajiet eżistenti, mitluqin u abbandunati u jagħtihom ħajja ġdida billi jirripristinahom b’rispett għat-tradizzjoni u l-kultura Maltija. Għaldaqstant l-inċentiva ta’ ħelsien mit-taxxa fuq bejgħ u xiri ta’ propjeta’ vakanti jew UCA jew bi stil tradizzjonali flimkien ma grants għal min jagħmel dan meta jixtri l-ewwel dar tiegħu ukoll intlaqgħet tajjeb ferm. Anke l-inċentivi fiskali għal min jirrestawra dawn it-tip ta’ binjiet bi b’għotja  fuq il-valur tal-VAT imħallas sa massimu ta’ €54,000 għal fuq l-ewwel €300,000 fi spejjeż ta’ restawr u rfinar ta’ dawn il-propjetajiet. Dan għandu jwassal għal tisbieħ tal-lokalitajiet tagħna u jagħti inċentiv lil min ikun irid jinvesti fil-bini nnifsu u mħux biss lil min ikun irid jinvesti fl-art.

Passi oħra pożittivi kienu l-inċentivi għal min ibiegħ propjeta’ li kienet mikrija b’rata affordabbli u l-kreazzjoni ta’ fondazzjoni bejn il-Knisja u l-istat. L-MDA kienet saħqet illi kreazjoni ta’ private public partnership f’dan is-settur kienet idea li tista’ tagħti l-frott.

L-MDA, għalkemm tilqa’ l-inċentivi u l-proposti tal-gvern ukoll fil-qasam tal-enerġija rinovabbli kif ukoll biex tiġġedded l-ekonomija l-ħadra b’dispjaċir tinnota illi l-proposti tagħha sabiex jiġu nċentivati l-bejgħ u x-xiri ta’ propjetajiet bl-għola standards fejn jidħol l-ambjent u l-qalba gradwali għall-carbon neutrality ma sabux posthom fil-budget ta’ din is-sena. L-MDA hija tal-fehma illi dawn il-proposti kienu ser jgħinu sabiex Malta tilħaq il-miri ambjentali tagħha fil-ħin w’għaldaqstant tħeġġeġ lill-gvern sabiex jikkunsidra bis-serjeta’ jekk għandux jaddottahom xorta waħda billi jdaħħal miżuri ġodda dwarhom matul is-sena. Il-proposti tal-MDA fl-aħħar mill-aħħar kienu proposti sabiex jitnaqqsu t-taxxi għax-xerrejja u mhux għall-iżviluppaturi bl-intenzjoni illi s-suq jibda jiċċaqlaq lejn wieħed fejn l-istandards għoljin fl-ambjent ikunu mitluba mix-xerrej innifsu.

L-MDA bi pjaċir tilqa’ wkoll il-miżura tal-ħlas tal-overtime bi tnaqqis ta’ 15% fuq l-ewwel €10,000 qliegħ. Din kienet proposta’ li l-MDA għamlet din is-sena għaliex il-ħaddiema kienu qiegħdin jippreferu jmorru jaħdmu part-time ma terz milli jagħmlu overtime ma min iħaddimhom, minhabba t-taxxa għolja li kien qiegħed ikollhom iħallsu.

L-MDA finalment tħoss illi dan huwa budget pożittiv u mifrux fit-tqassim tiegħu, illi ser iħalli l-flus fil-bwiet tal-poplu u tifraħ lill-gvern illi fasslu għaliex mhux faċli illi wara pandemija li swiet il-miljuni lill-pajjiz il-gvern jerġgha jinjetta aktar flus fl-ekonomija u jafda l-poplu biex iħaddimhom.