Reazzjoni tal-MDA għall-Budget Annwali 2025

L-MDA tikkummenta illi l-Budget għas-sena d-dieħla huwa wiehed purament soċjali. Huwa ċar illi t-tkabbir ekonomiku ġġenerat matul dawn l-aħħar snin, mgħejjun sostanzjalment bil-kontribut tal-industrija tal-proprjeta’, qed jissarraf fi tgawdija u tqassim ta’ ġid għal familji Maltin u Għawdxin. Ninnotaw illi  ma ġewx introdotti taxxi ġodda, anzi, ġew riveduti l-komputazzjonijiet tat-taxxi li ser iżid id-dħul tal-poplu. Ninsabu sodisfatti wkoll illi l-inċentivi li kienu ideat tal-MDA, fosthom dawk tal-‘First-time buyers’, ‘Second-time buyers’ u tal-‘Urban Conservation Areas’ (UCA) reġgħu ġew estiżi.

Madanakollu, inħossu illi l-budget huwa nieqes minn ideat tanġibbli u commitment ta’ investiment. Huwa tajjeb li jisemmew is-suġġetti tal-ispazzji ħodor, ta’ kwalita’ ta’ ħajja aħjar, tal-enerġija nadifa u investiment fl-infrastruttura u di fatti, il-proposti għall-budget tal-MDA kienu proprju immirati sabiex jindirizzaw dawn is-suġġetti. Pero, billi l-proposti tagħna f’dan ir-rigward ma ġewx implimentati, aħna ninsabu xettiċi fuq kif dawn il-miri jistgħu jintlaħqu.

Fl-aħħar nett, l-MDA iżżid illi ser tkompli tkun minn ta’ quddiem sabiex tinsisti dwar proposti u inċentivi illi jgħollu l-kwalita’ ta’ zvilupp sostenibbli u fl-istess ħin affordabbli.