L-MDA twissi l-Identita’ Malta biex in-nuqqasijiet tagħha ma titfagħhomx fuq is-sidien

Stqarrija Pubblika datata nhar it-tmintax (18) ta’ Settembru 2024

L-MDA tagħmel riferenza għall-istqarrija maħruġa minn Identita’ aktar kmieni lbierah fejn ħabbret qbil ma’ numru ta’ stakeholders fir-rigward tal-formola ġdida msejħa “Lease Agreement Attestation Form”.

l-MDA qabelxejn tirrileva illi hija ma tifformax parti mill-qbil imħabbar, anzi topponi din il-proċedura għar-raġunijiet li ser jiġu spjegati f’din l-istqarrija. L-MDA attendiet laqgħat mal-Identita’ u ressqet proposti konkreti li jistgħu jindirizzaw l-abbuż li l-Awtorita’ qiegħda taffaċja ruħa magħha u cioe l-abbuż ta’ kerrejja third country nationals li qiegħdin jirreġistraw applikazzjonijiet b’kuntratti ta’ kirjiet fittizji u mingħajr il-kunsens tas-sid. L-MDA tiċċara illi l-pożizzjoni tal-Identita’ u cioe l-obbligu ġdid ta’ din l- Attestation Form’ ser ifisser illi sidien tal-proprjeta’ iridu jiffirmaw kull kuntratt ta’ kirja b’ kerrejja third country nationals quddiem avukat, nutar jew prokuratur legali. Dan ser ikollu impatt negattiv fuq is-sidien u l-kerrejja billi ser iżid intrigu kbir u spejjeż addizjonali f’fees professjonali kif ukoll iżid pass ineffiċjenti u burokratiku f’industrija li ġia hija mgħobbija b’ħafna burokrazija.

Filwaqt illi l-MDA taprezza l-intiża ġenwina tal-Identita’, l-MDA issostni illi hemm miżuri oħrajn, kemm ġia eżistenti, kif ukoll ġodda illi jistgħu jottjenu l-istess riżultati (jekk mhux aħjar) u dan mingħajr ma jżidu l-piżijiet imsemmija fil-paragrafu preċedenti u għaldaqstant din l-istqarrija hija maħruġa b’responsabbilta’. Fil-laqgħat tagħha, l-MDA proponiet fost oħrajn illi tiġi mitluba kopja vera ċertifikata tal-karta tal-identita’ (minn professjonist illiċenzjat mill-istat ta’ Malta) tal-partijiet minflok il-ħtieġa ta’ żjara għand il-professjonist ma’ kull kirja. Dan il-pass flimkien mas-sistema eżistenti ta’ reġistrazzjoni mal-Awtorita’ tad-Djar iġib l-istess effett billi tagħti l-istess serħan tal-moħħ lill-Identita’ illi l-kirja rreġistrata fl-applikazzjoni tar-residenza saret bil-kunsens tas-sid u dan mingħajr ħafna passi inutili.

L-MDA proponiet ukoll illi billi ammont konsiderevoli tal-proprjietajiet jiġu mikrija permezz ta’ aġenti liċenzjati, l-istess agent diġa qiegħed iservi ta’ pass integrali minn dan il-proċess u jista jagħmel dikjarazzjoni illi kien preżenti fl-iffirmar tal-kuntratt. Apparti minn hekk, aġent tal-proprjeta’ qiegħed ukoll f’pożizzjoni illi jikkonferma illi l-post mikri tassew jeżisti u b’hekk meta wieħed jikkumpara l-miżura tal-Identita’ Malta mal-proposti tal-MDA, is-sistema tal-MDA hija superjuri f’kull mod u fl-istess waqt hija orħos, inqas burokratika u aktar effiċċjenti.

Finalment l-MDA iżżid illi s-sidien tal-proprjietajiet m’għandhomx ibatu l-konsegwenzi tal-iżballji/ abbuż u/jew nuqqasijiet ta’ ebda awtorita. L-MDA tesprimi d-diżappunt tagħha illi l-proposti tagħha ġew skartati u tappella lil Gvern u Awtoritajiet oħrajn illi qabel ma jiġu implimentati proċeduri ġodda, għandu jsir eżerċizzju ta’ konsultazzjoni profonda mal-istakeholders relevanti b’mod ħolistiku. Hemm ukoll il-ħtieġa li l-Awtoritajiet jaħdmu aktar flimkien u mhux separati. L-MDA tosserva illi hawn wisq proċeduri burokratiċi illi ma jġibu magħhom ebda valur li per konsegwenza taghhom qieghdin jiswew hafna flus li qiegħdin jispicċċw ibgħatuhom il-familji Maltin u Ghawdxin.